Website in Maltese Website in English  
 
  L-Istorja tal-Bagit f'Malta    
 
  Lejn l-aħħar ta’ kull sena, il-Ministru tal-Finanzi jaqra d-Diskors tal-Baġit u jippreżenta l-Estimi tad-Dħul u l-Infiq (u l-Istħarriġ Ekonomiku) fil-Kamra tar-Rappreżentanti. B’mod ġenerali, din is-sistema evolviet minn dik tar-Renju Unit.

Il-kelma baġit (jew bl-Ingliż, budget) aktarx li ġejja minn korruzzjoni tal-kelma Franċiża bouget jew id-derivattiv tagħha bougette. Jingħad li l-kelma budget bdiet tintuża fir-Renju Unit fi żmien Walpole, li għal aktar minn 20 sena kien responsabbli mill-Finanzi fis-Seklu 18. Hu mifhum li kien jieħu l-karti tiegħu fil-Parlament f’basket tal-ġilda (bil-Franċiż bougette) u għalhekk iddaħħlet fl-Ingliż bħala budget.

It-titlu bil-Malti “Diskors tal-Baġit” kien introdott mis-Sur Lino Spiteri fl-1983, li dak iż-żmien kien Ministru tal-Finanzi. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, bqajna dejjem nirreferu għad-Diskors tal-Baġit. Qabel din id-data, kien sempliċiment jissemma’ bħala “Il-Baġit”.

Id-diskorsi tal-baġit kienu jinkitbu bl-Ingliż u eventwalment bdew jinkitbu bil-Malti. Fis-Snin 90, b’John Dalli bħala Ministru tal-Finanzi, bdiet tiġi pubblikata wkoll traduzzjoni bl-Ingliż.

Il-format u l-kontenut tad-Diskorsi tal-Baġit u l-Estimi evolvew matul iż-żmien. Fil-ktieb tiegħu “Essays on Governing Malta (1800-1813), u b’mod partikolari f’Esej numru 13, is-Sur Patrick Staines jipprovdi rakkont interessanti ħafna ta’ l-isforzi li saru biex titwaqqaf sistema ta’ kontabilità finanzjarja u l-Estimi tad-Dħul u l-Infiq, speċjalment permezz tal-ħatra ta’ Teżorier.

Is-sena finanzjarja kienet tibda fl-1 ta’ April ta’ sena u tispiċċa fil-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara, u naturalment, id-Diskorsi u l-Estimi tal-Baġit kienu jkopru dan il-perjodu. L-aħħar darba li ntużat din is-sistema kienet minn April 1978 sa Marzu 1979. Madankollu, peress li l-istatistika miżmuma mill-Uffiċju ta’ l-Istatistika ġeneralment kienet tkopri s-sena minn Jannar sa Diċembru, kien sar diffiċli biex issir rabta bejn statistika annwali li tkopri 12-il xahar differenti. Għalhekk il-Gvern kien iddeċieda li s-sena finanzjarja għandha tkun minn Jannar sa Diċembru. Biex dan ikun possibbli, l-Estimi tal-1979 kienu saru biss għal disa’ xhur, minn April 1979 sa Diċembru 1979. Minn hemm ‘il quddiem, jiġifieri mill-1980, l-Estimi bdew ikopru minn Jannar sa Diċembru.

Fil-prattika, id-Diskors tal-Baġit huwa dikjarazzjoni finanzjarja li tagħti ħarsa ġenerali lejn ir-rendiment attwali tas-sena preżenti flimkien ma’ tbassir tad-Dħul u l-Infiq mistenni għas-sena ta’ wara. Fir-rigward tas-sena preżenti, isir tqabbil bejn l-istima oriġinali u l-aħħar stima riveduta flimkien ma’ spjega fil-qosor tad-differenzi. Issir ukoll dikjarazzjoni fuq ir-rendiment ekonomiku. Fir-rigward tat-tbassir għas-sena ta’ wara, tingħata spjegazzjoni tal-proġetti kapitali u proġetti oħra kif ukoll tal-miżuri fiskali. L-Estimi jindikaw l-ammont allokat għal kull linja speċifika ta’ dħul u ħruġ u jispjegaw x’miri għandhom jintlaħqu mid-dipartimenti rispettivi. Dokument separat, l-Istħarriġ Ekonomiku, jirrapporta f’aktar dettall il-prestazzjoni ekonomika tal-pajjiż. Dan ukoll jiġi preżentat mill-Ministru lill-Parlament għall-informazzjoni.

Element importanti ħafna tal-baġit huwa naturalment l-istat tal-Fond Konsolidat, u speċjalment jekk il-programm baġitarju propost hux se jħalli eċċess jew defiċit. Il-preżenza ta’ defiċit mhix aspett dejjem negattiv speċjalment meta jkun marbut ma’ programm ta’ investiment produttiv imdaqqas għal numru ta’ snin, iżda jekk dan jibqa’ jsir għal numru ta’ snin, is-sitwazzjoni finanzjarja tista’ ma tibqax sostennibbli. Il-kriterji ta’ Maastricht jeħtieġu li defiċit ma jkunx akbar minn 3% tal-Prodott Gross Domestiku u  l-Gvernijiet huma obbligati ma jaqbżux dan il-limitu.

Punt interessanti li għandu jkun innutat dwar l-Estimi hu li l-Kamra tar-Rappreżentanti ma tapprovax in-nefqa totali li tidher fl-Estimi, iżda ċertu ammonti huma allokati skond termini stabbiliti fil-Kostituzzjoni u liġijiet oħra u ma jeħtiġux approvazzjoni tal-Kamra. Per eżempju, il-pensjonijiet li għandhom jitħallsu lill-pensjonanti li huma ex-impjegati tal-Gvern taħt il-Liġi dwar il-Pensjonijiet tal-1937 jitħallsu direttament mill-Fond Konsolidat. Sezzjoni 4 ta’ l-istess liġi tistipula li dawn l-ammonti ta’ flus għandhom jitħallsu bħala pensjoni skond din il-Liġi. L-għan ta’ dan hu li l-pensjonijiet jitħallsu mill-Accountant Ġenerali mingħajr ebda restrizzjoni, irrispettivament mill-ammont allokat għall-punt rilevanti fl-Estimi. Lista ta’ pensjonanti li jaqgħu taħt din il-Liġi, l-Att dwar il-Pensjonijiet tar-Romol u l-Orfni, 1927, u persuni li jirċievu “Pensjonijiet Speċjali Awtorizzati” kienet tiġi nkluża fl-Estimi sas-snin Sittin, iżda din il-prattika twaqqfet.

Żvilupp ġdid li sar matul l-aħħar tletin sena kien it-twaqqif ta’ awtoritajiet u korporazzjonijiet permezz ta’ liġijiet speċjali, per eżempju l-Korporazzjoni Enemalta, il-Korporazzjoni tas-Servizzi ta’ l-Ilma u l-Awtorità tad-Djar. Dawn jippreparaw l-Estimi tagħhom (suġġetti għall-kontroll mill-Ministeru tal-Finanzi), li huma approvati separatament mill-Kamra tar-Rappreżentanti). Dan ta bidu għall-kunċett u l-proċess tad-deċentralizzazzjoni.

Il-preparazzjoni ta’ l-Estimi kien isegwi eżerċizzju ta’ konsultazzjoni  bejn il-Ministru tal-Finanzi u l-Ministri l-oħra kollha. Madwar Awwissu, il-Ministru tal-Finanzi kien jibgħat ċirkolari lill-Ministri l-oħra biex jibgħatu, għal kull dipartiment tagħhom, estimi tad-Dħul u n-Nefqa rikorrenti, biex jipproponu proġetti kapitali u jipproponi miżuri li jixtiequ jintroduċu. Il-Ministru tal-Finanzi u s-Segretarju Finanzjarju, wara t-tlestija ta’ dan l-eżerċizzju, kienu jiddiskutu r-riżultati u l-miżuri proposti mal-Prim Ministru li jagħti d-direzzjonijiet finali lill-Ministru. Il-Ministeru tal-Finanzi, fuq din il-bażi, ikun jista’ jħejji l-Estimi u d-Diskors tal-Baġit.

Id-data attwali magħżula għall-preżentazzjoni tad-Diskors tal-Baġit kienet sigriet kbir li ma kienx jiġi żvelat ħlief ftit tal-jiem qabel id-data magħżula. Lejliet Jum il-Baġit u matul il-Jum innifsu, sas-siegħa li fiha jibda l-qari tad-Diskors fil-Parlament, il-ħaddiema tal-Ministeru kienu jibqgħu fil-Ministeru biex jagħqdu d-Diskors tal-Baġit. Dan kien meħtieġ peress li qabel l-introduzzjoni tal-kompjuters fid-dipartimenti tal-Gvern, l-ittajpjar tad-Diskors, il-produzzjoni ta’ kopji permezz ta’ duplicators ta’ mijiet ta’ paġni għal mijiet ta’ kopji u t-twaħħil finali tal-kotba kienet biċċa xogħol twila u kkumplikata, li riedet issir fi ftit sigħat. Illum, fid-dinja tal-kompjuters u t-teknoloġija moderna, diffiċli ħafna biex nifhmu u napprezzaw dan kollu. L-ewwel Diskors tal-Baġit li kien inkiteb fuq kompjuter (iżda xorta stampat b’duplicators) kien dak tal-1988.

Iż-żminijiet jinbidlu. Fi snin riċenti, is-segretezza marbuta mal-baġit kważi spiċċat għal kollox. Illum sar jiġi ppubblikat Dokument ta’ Qabel il-Baġit, isiru konsultazzjonijiet wiesa’ ma’ kulħadd u kull min jixtieq, jista’ jressaq il-proposti tiegħu. Dan biex il-Baġit ikun jista’ jitqies bħala sforz ġenerali bejn il-Gvern, il-korpi kostitwiti, il-unions u l-pubbliku in ġenerali. Għaldaqstant, is-sistema l-ġdida qed tfisser li l-baġit jirċievi approvazzjoni minn kulħadd.